Nilqgħuk fis-sit tal-intrapriża ċkejkna tagħna GEEK&Co. Ħerqanin biex naqsmu miegħek il-varjetà ta’ prodotti artiġjanali li niddisinjaw u nipproduċu f’Malta biex tagħraf ir-reqqa u l-attenzjoni għad-dettall li nagħtu meta nagħżlu l-materjali u d-disinji. Il-karta hija l-passjoni tagħna.
it-tim ta’ GEEK&Co.


GEEK&Co. qed tippreżenta l-ewwel djarji kkuluriti tagħha fis-suq lokali. It-tema Żewwaq Ħajtek b’Kulur hi mnebbħa mit-tkanġijiet ċari u skuri ta’ ħajjitna, xi minn daqqiet mid-dellijiet, li tant ikunu jeħtieġu u qed jistennew merżuq dawl leqqien li jofroq minn nofshom biex jagħtihom mument ta’ għożża.
Id-disinn, is-sengħa, l-artiġjanat u l-ħjata, flimkien mal-passjoni għall-karta fina miksuba b’modi ekoloġiċi jixhdu l-kwalità u d-dettall fid-disinji ta’ GEEK&Co. li qed jissarrfu fi prodotti tal-karta bil-Malti u fi sforz ekoloġiku ġenwin u ta’ responsabbiltà ambjentali. Il-ġmiel minn paġna sa paġna għandu jlewwen il-ġurnata tiegħek matul is-sena kollha.
Lill-basket u l-ilbies, apparti l-ħajja mgħaġġla u l-ġurnata twila tiegħek, tista’ tagħtihom daqsxejn iżjed kulur bi djarju li jkunlek kumpann sieket u jżommlok rendikont tal-attivitajiet, tal-pjanijiet, u tal-ħsibijiet li jixraq tiktibhom. Ħaddan miegħek l-eleganza artiġjanali tal-prodotti lokali.
Il-karta, it-tessut, il-ħajt, il-kolla, u l-bqija, ilkoll jintgħażlu wara proċess rigoruż biex niżguraw il-kwalità u li jkunu ġejjin minn sorsi sostenibbli. Il-materja prima tiġi minn bnadi differenti tal-Ewropa, mingħand intrapriżi, uħud minnhom artiġjanali, li nafu li għandhom għal qalbhom id-dinja naturali u l-ambjent, is-saħħa tal-bniedem u s-sostenibbiltà.
GEEK&Co. tiddandan bix-xogħol u t-talent tal-artisti lokali, bil-kombinament tal-istil u l-funzjoni, bil-profondità tad-dettall, u tixpruna u tippromwovi t-tħaddim tajjeb tal-lingwa Maltija fl-oġġetti ta’ kuljum. Il-viżibbiltà tal-Malti fil-prodotti ta’ din l-intrapriża lokali tkompli ssaħħaħ il-valur miżjud tal-artiġjanat ekoloġiku.
Żewwaq tfisser agħti l-kulur. F’dan il-kuntest, iżda, qed tirreferi għal mod kif tista’ tixgħel, iżżejjen jew tferraħ il-ġurnata tiegħek. Id-djarju hu opportunità tad-deheb biex torganizza ħajtek, u biex tikteb il-kuluri bl-isfumaturi u t-tkanġijiet kollha li tgħaddi minnhom.


Fil-qalba ta’ Ħal Lija għandna daqsxejn ta’ workshop li għalina huma l-bejta tal-ispirazzjoni u l-ideat. Huma l-ispazju fejn niltaqgħu biex infasslu u naħdmu l-artiġjanat. Huma wkoll l-imħażen fejn nerfgħu l-karta tant għal qalbna u l-bqija tal-materja prima.
Fi ftit kliem, l-istudio tagħna jirrifletti l-valuri tagħna tas-sostenibbiltà, tar-riċiklaġġ, tal-preferenza lill-materjali naturali miksuba kif mistenni, u tat-tnaqqis radikali tal-ħela u tal-iskart. F’dan l-istudio jsiru għażliet b’rispett lejn l-ambjent u l-klijentela tagħna.
“Inħobbhom wisq lil ta’ GEEK&Co…
speċjalment meta jwaqqgħu l-ikel fl-art
u jispiċċa f’ħalqi. Baw waw.”

il-wikkiel